X’tagħmel l-UE
L-Unjoni doganali tal-UE, stabbilita fl-1968, hija parti ewlenija mir-rwol tal-UE fl-ekonomija globali. Tippermetti lil kull pajjiż tal-UE jagħmel kummerċ liberament mal-pajjiżi l-oħra tal-UE, filwaqt li japplika l-istess tariffi għall-oġġetti importati minn barra l-UE.
Il-politika doganali tal-UE tipproteġi s-suq intern, filwaqt li tiżgura l-konformità mar-regolamenti u tiffaċilita l-kummerċ. L-awtoritajiet doganali jiġbru d-dazji, jivvalutaw ir-riskji finanzjarji u mhux finanzjarji, u jipproteġu lill-UE minn kummerċ inġust u illegali, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u għall-ħarsien tal-ambjent.
Madankollu, l-unjoni doganali qed tiffaċċja sfidi sinifikanti, fosthom volumi dejjem akbar ta’ kummerċ xprunati mill-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sostenibbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa spiss tiddependi fuq id-dwana biex twaqqaf il-prodotti mhux konformi, u dan joħloq sfidi għall-infrastruttura eżistenti.
Biex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riformi kbar. Dawn jinkludu l-istabbiliment ta’ awtorità doganali tal-UE li tistabbilixxi pjattaforma tad-data doganali kondiviża biex tissostitwixxi s-sistemi individwali nazzjonali ta’ dikjarazzjoni doganali. L-għan huwa s-simplifikazzjoni tal-proċeduri, it-tnaqqis tal-ispejjeż, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li timmonitorja t-theddid u tirreaġixxi għalih. Dan se jgħin biex l-unjoni doganali ssir parti aktar b’saħħitha u aktar strateġika tal-pożizzjoni tal-UE fix-xena dinjija.

Ċifri ewlenin
Oqsma ta’ azzjoni
Miżuri li jiżguraw is-sikurezza tal-merkanzija u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali.
Kontrolli doganali li jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti u jipproteġu s-saħħa tal-annimali, tal-pjanti u dik pubblika.
Skopri kif jiġu valwati l-oġġetti u kif jiġu kkalkulati d-dazji.
Skopri l-modi differenti kif l-UE tittratta l-oġġetti skont il-pajjiż tal-oriġini tagħhom
Politiki li jtaffu t-theddid finanzjarju u mhux finanzjarju għall-UE, għan-negozji u ċ-ċittadini tagħha, u għall-interessi finanzjarji tagħha.
Appoġġ għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali.
Appoġġ xjentifiku u għarfien espert għall-ġestjoni tar-riskji tal-awtoritajiet doganali u tat-taxxa.
It-tisħiħ tal-kummerċ transfruntier u tas-sħubijiet globali.
Qafas legali għar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE.
Iċ-ċertifikazzjoni ta’ negozji fdati, l-appoġġ għall-ġestjoni tar-riskji u t-tisħiħ tas-sigurtà u tal-effiċjenza kummerċjali permezz ta’ żdoganar aktar malajr.
Kisbiet ewlenin
- Fil-prattika, l-unjoni doganali tal-UE hija ġestita mis-servizzi doganali nazzjonali. Dawn jipproteġu lill-konsumaturi, l-annimali u l-ambjent minn oġġetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara, u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-kuntrabandu. Ladarba l-oġġetti jiġu żdoganati, dawn jistgħu jiċċirkolaw liberament jew jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea kollha.
- Amministrazzjoni doganali effettiva hija essenzjali għall-integrazzjoni ekonomika fil-livell dinji u għas-sigurtà nazzjonali. Din tista’ tipprevjeni t-telf tad-dħul u l-prattiki kummerċjali inġusti filwaqt li tiżgura l-ġbir trasparenti u responsabbli tat-taxxa u tad-dazji.
- Jista’ jkollha wkoll impatt profond fuq il-kapaċità ta’ parteċipazzjoni fil-kummerċ dinji, u dan jaffettwa l-kompetittività u jippromwovi t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-preżenza tad-ditti Ewropej fil-ktajjen tal-valur dinjin.
- Id-dwana taqdi rwol kruċjali fis-sikurezza u s-sigurtà, inkluż l-applikazzjoni tal-politika kummerċjali u tas-sanzjonijiet, u tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali billi tikkontrolla l-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju.
Taħt il-lenti
L-awtoritajiet doganali jiddefendu s-suq uniku billi jinterċettaw il-prodotti mhux konformi. Peress li l-kummerċ elettroniku żdied u aktar minn 40% tal-prodotti sekwestrati jonqsu milli jissodisfaw l-istandards ta’ konformità tal-UE, dawn qed jiffaċċjaw sfidi mingħajr preċedent.
Ir-riforma doganali tal-UE u l-pjattaforma l-ġdida tad-data tal-UE se jippermettu kondiviżjoni tad-data f’ħin reali bejn l-Istati Membri, analiżi tar-riskju avvanzata kif ukoll infurzar ikkoordinat. Dawn il-miżuri se jtejbu s-sigurtà, jottimizzaw ir-riżorsi, u jiżguraw kontrolli doganali aktar intelliġenti.
Billi trawwem il-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni u t-trasparenza, ir-riforma doganali tal-UE se ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE kontra r-riskji dinjin filwaqt li tnaqqas l-ostakli kummerċjali għan-negozji leġittimi.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 April 2026